KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Klement
~ Żejtun ~

Fit-tarf taż-Żejtun, hekk kif jibdew iż-żewġ toroq li joħduk, waħda għal Bormla, u l-oħra għal Ħaż-Żabbar, hemm il-knisja ċkejkna ta’ San Klement. Dan it-tempju għandhu rabta sewwa u nteressanti mal-istorja taż-Żejtun.

Ritratt - Tony Bonello


Klement Tabone

Żmien twil ilu, fir-raħal taż-Żejtun kien hemm raġel għani li kien jismu Klement Tabone. Dan ir-raġel, li twieled fiż-Żejtun għal ħabta tal-1575, kien raġel stmat ħafna f’dan il-lokal. Klement iżżewweġ lil Dorothea Cumbo, li mietitlu ta’ età żgħira. Bħal ma kien isir spiss, hu reġa’ żżewweġ, din id-darba lil Aloysia Grima, fit-28 ta’ Jannar, 1657. Aloysia, bħal Klement, kienet armla. Fi żmien meta ħafna kienu jmutu żgħar, iż-żwiġijiet bejn ir-romol kienu komuni ħafna.

Fi sbiħ is-6 ta Lulju, 1614 flotta ta 60 ġifen Tork, b’madwar sitt elef seldat  resqu lejn Malta.  Ippruvaw għall-ewwel jaħbtu għal Marsaxlokk, iżda kellhom jerġgħu lura minħabba reżistenza li għamlu l-għassiesa fit-Torri San Luċjan.  It-Torri San Tumas f’Wied il-Għajn kien għadu mhux mibni, u għalhekk l-għadu Tork niżel l-art fid-daħliet ta’ San Tumas u Wied il-Għajn. Il-flotta Torka kienet taħt il-kmand tal-Armenjan Ali Pasha. L-ewwel ma għamlu t-Torok kien li baqgħu telgħin lejn Ħaż-Żabbar, fejn għamlu ħafna ħsara lis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, tant li mill-kwadru titulari ta’ dak iż-żmien kull ma fadal hu biss il-wiċċ tal-Madonna

Wara daru għaż-Żejtun u għamlu ħerba mill-knisja parrokkjali, li dak iż-żmien kienet dik li llum insejħulha “ta’ San Girgor”, għaliex il-knisja parrokjali tal-lum kienet għadha mhux mibnija. L-altari u l-kwadri fil-parroċċa l-antika ġew imkissrin u maħruqa. Tant saret ħsara li għal xi xhur wara, il-knisja ma kienitx tista’ tintuża, u hekk it-trabi Żwieten kienu jgħammduhom f’parroċċi oħra. Għall-quddies kienet tintuża l-knisja ta’ Santa Marija fil-qalba taż-Żejtun. Minħabba dan il-biża’ li t-Torok setgħu jerġgħu jattakkaw, is-sagramenti wara baqgħu jsiru fil-knisja ta’ Santa Marija sas-sena 1634.

Taqtigħa ħarxa fl-inħawi tar-Raħal t’Isfel

Iżda l-armata Torka ġiet milqugħa mill-kavallerija tal-Ordni u mill-Maltin propju fil-parti magħrufa bħala Buleben bejn iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Ma ninsewx li dak iż-żmien Ħaż-Żabbar kien għadu parti miż-Żejtun, għaliex kien għadu ma sarx paroċċa. Mill-ewwel infetaħ in-nar fuq xulxin u saru xi ferimenti. Il-viċi-kavallerizz, Fra Castellan de Castellet Cornetta u xi kavallieri oħra sfaw feruti flimkien ma’ xi għoxrin Malti.  Safa ferut ukoll il-Gran Viskont, ix-xiħ Andrea Marconeral li wera kuraġġ kbir, u jumejn wara din it-taqbida, miet bil-ġrieħi li kien ġarrab.  Meta l-Gran Mastru Alof de Wignacourt waslitlu l-aħbar li kien ġie maqtul il-Kummendatur Fra de Compremy, hu bagħat ukoll is-suldati tal-flotta tal-Ordni taħt il-ġeneral Mendes, flimkien ma’ numru kbir ta’ muskettieri biex jattakkaw lit-Torok min-naħa ta’ wara, iżda meta l-għadu nduna li l-kavallieri kienu determinati li jiddefendu sal-aħħar, huma daqqew l-irtirata, imma mhux qabel ma’ ħamsin Tork inqabdu skjavi u numru ieħor sfaw maqtula.

Il-flotta Torka salpat lejn it-tramuntana ta’ Malta u kellhom l-intenzjoni li jinżlu fil-port ta’ San Pawl il-Baħar, iżda ma setgħux minħabba l-kanuni tat-Torri t’hemm li kien inbena ftit qabel. Iżda rnexxielhom jidħlu fil-Bajja tal-Mellieħa, li ma kienet difiża xejn u attakkaw ir-raħal tal-Mellieħa, inkluż is-Santwarju fejn l-ikona tal-Madonna bil-Bambin Ġesu’ ġiet milquta b’daqqiet ta’ xabla. Wara dan it-Torok telqu minn Malta, u l-Gran Mastru Wignacourt bena t-Torri ta’ San Tumas biex jiddefendi n-naħat ta’ ifsfel ta’ Malta.

Il-Qlubija ta’ Klement Tabone

Kien f’din it-taqbida li saret f’Buleben fl-inħawi taż-Żejtun li spikka Klement Tabone. Hu wera qlubija kbira kontra l-għadu, u meta tilef is-sejf, hu talab lil San Klement biex jeħilsu minn taħt idejn it-Torok. Klement issemma b’ismu fil-kotba uffiċjali tal-Ordni, ħaġa li rari kienet issir, meta l-Kavallieri kienu jagħtu l-importanza kollha lill-membri tal-Ordni, u mhux lil xi ħadd Malti. Lill-Maltin lanqas biss kienu jippermettulhom li jsiru Kavallieri.

Nafu wkoll li dan l-istess Klement Tabone fis-sena 1622 jiġifieri tmin snin wara, kien qala’ l-permess papali li jibni kappella ddedikata lil San Klement, billi hu kien qala’ l-grazzja bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis. Din il-grazzja Tabone qalagħha meta hu rnexxielu jsalva mill-qilla tal-għadu Tork fis-sena 1614.

Meta fl-aħħar hu bena l-kappella ta’ San Klement fis-sena 1658, hu wkoll intrabat li jipprovdi kull ma kien meħtieġ biex isir is-servizz divin u biex tiġi ċċelebrata kull sena l-Festa tal-qaddis nhar li taħbat fit-23 ta’ Novembru. Nhar il-festa kellha ssir quddiesa u jitkanta l-Vespri. Kull nhar ta’ Sibt kellu jinxtegħel il-lampier u kellhom jitqaddsu żewġ quddisiet kull ġimgħa għal ruħ Dorothea, martu l-mejta. L-ispejjeż kollha kellhom jitħallsu mir-renti fuq żewġ għelieqi li Tabone kellu f’Tal-Bur, u Tal-Ħofra f’Dellimara.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Din il-knisja għalkemm żgħira hija ħelwa ħafna, u għandha zuntier żgħir li tinżel għalih b’tarġa waħda. Il-faċċata hi sempliċi u għandha bieb tal-injam ġej għal nofs tond fin-naħa ta’ fuq. L-arkata tal-bieb isserrah fuq żewġ kolonni sempliċi u l-bieb hu mdawwar bi gwarniċun kwadru tal-ġebel. Waħda fuq kull naħa tal-bieb insibu żewġt itwieqi kwadri żgħar imbarrati bil-ħadid li kienu jitħallew miftuħin anke meta l-knisja kienet tkun magħluqa sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-fidili biex jinvistaw lis-sagrament minn barra.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fuq il-bieb insibu tieqa tonda mdawwra bi gwarniċ tal-ġebel li sservi biex iddawwal il-knisja minn ġewwa – l-oculos. Fuq l-oculos hemm imnaqqxa arma li llum hi mittiekla sew. Din l-arma hija mdawwra bi gwarniċ kwadru tal-ġebel u turi d-data 1658, id-data ta’ meta nbiet il-kappella. Din l-arma tidher li hi l-arma ta’ Tabone. Tidher stilla b’sitt ponot f’diversi partijiet tal-arma (1, 2 u 5) filwaqt li fin-nofs (3 u 4) tidher id iżżomm qalb li minnha ħiereġ in-nar. (Nirringrazzjaw lis-Sur Anthony Blackmann li tella’ dan ir-ritratt fuq facebook u ta spjega ta’ dak li baqa’ jidher mill-arma).

Is-saqaf minn barra ġej għal-ponta baxxa u fuq quddiem hemm kampnar żgħir li fih qanpiena żgħira waħda. Fin-naħa ta’ fuq, fuq kull naħa tal-oculos, jidħru strutturi tal-ġebel fil-ħajt li jidher li kienu jitqiegħdu fihom xi forma ta’ arblu.

Fil-ħitan tal-ġnub insibu żewġt imwieżeb forma ta’ bokka ta’ kanun li kienu jintużaw biex imexxu l-ilma tax-xita ‘l bogħod mill-ħajt sabiex ma jagħmilx ħsara. Fil-ħajt tal-lemin hemm ukoll bieb għal ġol-knisja filwaqt li f’dak tax-xellug jidher li wkoll kien hemm xi bieb jew tieqa iżda li llum huma mbarrati bil-ġebel.

Kif tidħol fil-knisja, mal-lemin, tara ħawt ċkejken, tal-ilma mbierek, xogħol delikat fil-ġebla Maltija, li parti sewwa minnu ġiet mittiekla bl-idejn ta’ tant u tant devoti li żaru din il-kappella matul is-snin.

Din il-knisja li għandha altar wieħed.  Għandha wkoll kitba mas-saqaf li tgħid espressament li kien Klement Tabone li bena din il-knisja, wara li għamel wegħda lil Alla. Is-saqaf hu troll bix-xorok li jduru mal-ħnejjiet. Illum l-art hi miksija bil-madum, iżda sas-snin 70 kien għad hemm iċ-ċangatura tal-ġebel b’qabar fin-nofs.

Fost l-opri sagri li għandha din il-kappella insibu żewġ kwadri tajbin ħafna, wieħed żgħir tal-Madonna, li nistgħu nattribwuh lil Francesco Zahra, jew lil xi student tiegħu, u l-ieħor wisq akbar minnu, li hu l-kwadru titulari. Dan il-kwadru żgħir tal-Madonna kien irrestawrat ftit żmien ilu minn Twanny Spangol.

Ritratt - Caroline Busuttil   Dan il-kwadru titulari jurina lill San Klement, Papa, li għex fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, u kien it-tielet Isqof ta’ Ruma. Fil-kwadru tidher fir-rokna f’isfel fuq ix-xellug, ix-xbieha tad-donatur Klement Tabone, meta allura kellu 87 sena. Hi xbieha ta’ raġel xwejjaħ, iżda b’għajnejn penetranti, b’xagħru u l-leħja bojod bl-eta’ u f’qagħda ta’ wieħed li qed jitlob. Fir-rokna l-oħra tidher l-arma tal-kunjom Tabone, id li qiegħda żżomm qalb.

Li hu żgur hu li dan il-kwadru ġie mpitter fl-1662. Dan tixdhu id-data li għandu fuqhu, u hu attribwit lill-pittur magħruf Malti Stefano Erardi, pittur li pitter diversi xogħolijiet kbar ma’ Malta u Għawdex.


Ħsarat mill-maltemp

L-altar hu ftit aktar għoli mis-soltu, minħabba l-fatt li l-knisja hi mibnija f’parti baxxa taż-Żejtun, minn fejn jgħaddi ħafna ilma, speċjalment meta tagħmel ħafna xita. Hekk l-inħawi tal-viċin jissejħu “Il-Minżel”’ għaliex jagħtu dejjem għan-niżla. Il-kwantita kbira ta’ ilma li tgħaddi minn dan il-post tibqa’ sejra għal Wied Sant’Antnin, u minn hemm għall-baħar ta’ Wied il-Għajn.

Billi l-ilma li jgħaddi minn hawn ikun ġej mhux biss miż-Żejtun, iżda wkoll minn Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħal Tarxien u Santa Luċija, qabel ma ħasbu sewwa biex dan l-ilma jkollu minn fejn igħaddi, mhux l-ewwel darba li daħal fil-knisja u baqa tiela sal-altar. Hekk għamel fit-tempesti kbar tas-snin 1830, 1856, 1880, u 1898. Fit-tempesta tas-sena 1830, saħansitra ntradmu rġiel fl-inħawi tal-knisja u wieħed baqa mejjet.

Għeluq

Minn din il-knisja, minn xi 30 sena ilu kienet bdiet toħroġ il-purċissjoni nhar San Girgor li mbagħad tibqa’ sejra għall-knisja ta’ Santa Katerina l-Antika (“San Girgor”) li kienet il-knisja parrokkjali taż-Żejtun qabel ma nbient il-knisja ta’ Santa Katerina tal-lum. F’din il-purċissjoni jieħu sehem il-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Dan il-pellegrinaġġ isir nhar l-ewwel Erbgħa wara l-Għid il-Kbir u jsir frott ta’ wegħda li kienet saret wara li kienet waqfet il-pesta tal-1675-1676.

Din il-knisja llum qed tiġi użata biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies li joqogħdu viċin fil-binja moderna ta’ Ġebel San Martin u f’parti mid-distrett qadim ta’ Bisqallin. Iżda l-popolazzjoni tant żdiedet f’dawn l-akwati, li din il-kappella saret ċkejkna biex taqdi sewwa d-dmirijiet pastorali tan-nies ta’ l-inħawi.

Kitba tal-kanonku Dun Joe Abela, użata bil-permess
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Tony Bonello, Guzeppi Theuma u Lino Spiteri

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - AnthonyBlackman
Ritratt - Guzeppi Theuma Kappella San Klement - Duluri
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Lino Spiteri - Kappella San Klement fiz-Zejtun

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com